Matul il-Ġimgħa tal-Librerija, l-attività Iltaqa’ mal-Awturi offriet esperjenzi sbieħ u varjati lill-istudenti tagħna. L-istudenti tal-Form 1 iltaqgħu ma’ Francesco Pio u Dun Renato Borg, li qasmu magħhom tagħrif dwar l-Isqof Nikol Cauchi u l-kontribut tiegħu għall-komunità Għawdxija u għall-iskola tagħna. Il-Form 2 iltaqgħu ma’ Carm Cachia, li tkellem dwar l-imħabba tiegħu lejn il-kotba u l-Istorja ta’ Għawdex, b’eżempju mill-isbaħ mill-ktieb tiegħu Il-Ħolma Għawdxija. Barra minn hekk, l-istudenti tal-Form 3 iltaqgħu mar-rapper Il-Lapes, fejn offra lezzjoni tal-Malti b’differenza li għenet lill-istudenti jifhmu aħjar it-temi u l-emozzjonijiet fil-poeżija protesta Ħitan tas-Sejjieħ. Tul il-ġimgħa kien hemm ukoll fiera tal-kotba fejn l-istudenti kellhom l-opportunità jixtru u jiskopru kotba ġodda. Illum, it-23 ta’ April, qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ktieb, okkażjoni sabiħa biex inkomplu nkabbru l-imħabba lejn il-qari u l-għarfien fost l-istudenti tagħna.








